“Nipproponi li lejn Ġesù Msallab biss inħares il-ġranet kollha ta’ ħajti.” Hekk stqarrew Matthew Sciberras u Daniel Cardona, żewġ żgħażagħ li rċevew iċ-Ċerimonja tal-Kandidati nhar il-Ħamis 22 ta’ Mejju 2025 fil-Qasam ta’ Lija-Balzan.
Din iċ-ċerimonja saret fil-preżenza tat-tfal u ż-żgħażagħ li jattendu l-Qasam flimkien mal-ġenituri u l-familjari tal-Kandidati. Is-Superjur Ġenerali għamel id-diskors tal-okkażjoni. Huwa tkellem dwar li wieħed irid jingħata lill-oħrajn biex ikun ta’ servizz bħalma xemgħa tinħall biex tagħti d-dawl. Semma’ wkoll li wieħed, bħal Ġesù, għandu jkun umli biex ikun jista’ jagħti dan is-servizz.
Id-Delegat tas-Superjur Ġenerali kien ukoll preżenti għal din iċ-ċerimonja.
Nitolbu għal Matthew u Daniel biex jagħrfu aktar xi jrid minnhom il-Mulej Ġesù u biex ikunu dejjem ta’ servizz għall-Knisja. Nitolbu wkoll biex aktar żgħażagħ iwieġbu għas-sejħa li qed jagħmlilhom is-Sinjur Alla!