Matul din il-ġimgħa, il-qasam ta’ St Albans f’Melbourne iċċelebra żewġ mumenti importanti fil-mixja tal-fidi tat-tfal u ż-żgħażagħ: is-Sagramenti tal-Ewwel Qrara u tal-Ewwel Tqarbina.
Nhar it-Tlieta, 20 ta’ Awwissu 2026, 50 kandidat għall-Ewwel Qrara ħadu sehem f’liturġija penitenzjali fil-Knisja tal-Holy Eucharist. Bħala parti mit-tħejjija tagħhom għas-Sagrament tal-Qrar, il-kandidati ġew imħejjijia permezz ta’ eżami tal-kuxjenza, b’mumenti ta’ talb u riflessjoni personali. Fost dawk li rċevew is-sagrament kien hemm ukoll żewġ żgħażagħ.
Tliet saċerdoti kienu preżenti biex jisimgħu l-qrar tal-kandidati. Wara, huma stqarrew kemm kienet esperjenza qawwija għalihom li jaraw is-sinċerità u l-ftuħ li bihom il-kandidati resqu lejn dan is-sagrament.
Nhar il-Ħadd, 30 ta’ Awwissu, 12-il kandidat iċċelebraw l-Ewwel Tqarbina tagħhom waqt Quddiesa fil-Knisja tal-Holy Eucharist. Iċ-ċelebrazzjoni tmexxiet minn Dun Tuan Anh Do CSsR, il-kappillan il-ġdid tal-Parroċċa tal-Holy Eucharist f’St Albans.
Waqt l-omelija tiegħu, Dun Tuan indirizza lill-kandidati u ħeġġiġhom biex ikomplu jfittxu lil Ġesù tul ħajjithom. Huwa fakkarhom li, minn dan il-jum speċjali ’l quddiem, setgħu jirċievu lil Ġesù fl-Ewkaristija bħala ikel u nutriment spiritwali li jsostnihom fil-mixja tagħhom tal-fidi.
Wara l-Quddiesa, il-kandidati, flimkien mal-familji u l-qraba tagħhom, inġabru fil-qasam ta’ St Albans, fejn kellhom ikla flimkien f’atmosfera sabiħa u familjari.
Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet kienu okkażjonijiet ta’ ferħ għall-kandidati, għall-familji tagħhom u għall-komunità kollha, u mmarkaw passi importanti fil-mixja tal-fidi Nisranija ta’ dawn it-tfal u ż-żgħażagħ.


