Nhar l-Erbgħa, 22 ta’ Ottubru 2025, is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija organizzat Ċelebrazzjoni tal-Kariżmi għall-komunitajiet u movimenti Kattoliċi tal-lajċi fl-Arċidjoċesi ta’ Malta fl-Awditorju tad-Dar Ġenerali, il-Blata l-Bajda.
Din l-okkażjoni, organizzata b’kollaborazzjoni mal-FORUM li jikkoordina l-appostolat fl-għaqdiet u l-movimenti Kattoliċi tal-lajċi f’Malta, iċċelebrat id-diversi kariżmi li jinsabu fil-Knisja. Permezz tal-appostolat ta’ dawn il-komunitajiet, l-Ispirtu s-Santu jkompli jressaq aktar nies eqreb lejn Ġesù, u jgħinhom jagħrfuh bħala s-sors veru tat-tama f’ħajjithom.
Wara messaġġ ta’ merħba mis-Superjur Ġenerali Roberto Zammit, il-President tal-FORUM, is-Sa Angèle Cassar, indirizzat lil dawk preżenti, fejn enfasizzat l-importanza tal-għaqda u l-apprezzament reċiproku tal-kariżmi fost il-komunitajiet. Hija ħeġġet lil kulħadd biex japprezza d-doni distinti li kull moviment iġib lill-Knisja, filwaqt li kull membru għandu jkompli jsaħħaħ l-għaqda u jsarraf l-imħabba f’azzjoni.
Rev. André Zaffarese, Vigarju Episkopali għall-Kordinazzjoni Pastorali, qasam messaġġ dwar ir-rwol tal-Vikarjat fl-implimentazzjoni tal-viżjoni tal-Knisja f’Malta.
Matul iċ-ċelebrazzjoni, is-Sa Sylana Pulè, is-Sur Noel Bugeja, u s-Sur Chris Micallef qasmu riflessjonijiet personali dwar kif il-kariżmi rispettivi li jgħixu qed isawru l-ħajja Nisranija tagħhom u jsaħħu l-impenn tagħhom għas-servizz.
Iċ-ċelebrazzjoni kkonkludiet b’messaġġ u barka mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea Curmi, li esprima gratitudni għax-xhieda u l-vitalità tal-movimenti lajċi fit-trawwim tal-fidi fi ħdan il-Knisja lokali.


