Il-Laqgħa tal-Erbgħa 27 ta’ Mejju 2026, il-membri u l-kandidati tad-Delegazzjoni ta’ Malta inġabru fis-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż Żabbar għal ċelebrazzjoni ta’ talb. Din is-sena, il-parroċċa qegħda tfakkar il-75 anniversarju mill-inkurunazzjoni tal-inkwadru titulari tal-Madonna tal-Grazzja.
Fil-bidu taċ-ċelebrazzjoni, il-membru Ian Borg qasam riflessjoni fuq id-devozzjoni tan-nisrani lejn Marija u kif Marija hija l-omm paċenzjuża li tibqa’ magħna f’kull mument tal-mixja tagħna wara binha Ġesù.
Wara tkanta l-innu Vestis Honoris miktub minn San Ġorġ Preca, innu ta’ tifħir lill-Marija bħala s-Sinjura tal-ħolqien kollu.
Ma setax jonqos li jintalab ir-Rużarju Mqaddes, it-talba għal qalb Marija, li f’kull dehra tagħha dejjem ħeġġet biex tintalab din it-talba speċjali. Ir-Rużarju kien wieħed missjunarju u kien offrut għall-missjonijiet li s-Soċjetà għandha fil-ħames kontineti.
Is-Superjur Ġenerali għalaq iċ-ċelebrazzjoni billi ħeġġeġ biex kull persuna dejjem iġġorr magħha il-kuruna tar-Rużarju, b’tifkira li Marija hija dejjem prezenti magħna.
L-Arċipriet Dun Roderick Camilleri rringrazzja lis-Soċjetà għal din iċ-ċelebrazzjoni sabiħa u fakkar fil-memorji sbieħ li okkażjoni bħal din tqanqal fih, memorji marbutin mal-esperjenza sabiħa tiegħu meta kien għadu jattendi s-Soċjetà.
Wara, il-preżenti inġabru fis-sala tal-parroċċa għal bibita.


