Żgħażagħ mill-qasam ta’ St Albans ħadu sehem fl-Austrialian Catholic Youth Festival organizzat mill-Arċidjoċesi ta’ Melbourne fl-Australian Catholic University Hall fid-9 ta’ Awwissu 2025. Mijiet ta’ pellegrini żgħażagħ minn madwar l-arċidjoċesi nġabru għal-lejla ta’ talb, taħditiet, u mużika bi tħejjija għal dan il-festival nazzjonali.
Il-grupp beda l-vjaġġ tiegħu bi żjara fil-Knisja ta’ Stella Maris f’West Melbourne, il-post fejn bdiet is-Soċjetà fl-Awstralja meta San Ġorġ Preca bagħat l-ewwel membri biex jibdew il-missjoni tagħhom fl-1956.
L-Arċisqof ta’ Melbourne, ir-Rev. Peter Comensoli, ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex ma jibżgħux isejħu lilhom infushom Kattoliċi, u biex jixhdu bil-qlubija l-fidi tagħhom fi Kristu, it-tama tagħna.
Fr Rob Galea, il-kelliem ewlieni tas-serata, ispira lil ħafna bil-messaġġ tiegħu dwar il-perseveranza, fejn ħeġġeġ lil kulħadd biex ma jaqtax qalbu, iżda biex ipoġġi l-fiduċja tiegħu f’Alla billi joffrilu n-niket u d-diffikultajiet tal-ħajja tiegħu.
Il-lejla ntemmet b’ħin ta’ talb u adorazzjoni quddiem is-Sagrament.
