Nhar l-Erbgħa, 19 ta’ Marzu 2025, il-membri u l-kandidati tal-oqsma ta’ Malta u Għawdex inġabru fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġużepp fil-Manikata biex jiċċelebraw il-festa ta’ San Ġużepp. Il-ġurnata bdiet b’Quddiesa u b’ċelebrazzjoni ta’ talb li iffukat fuq il-virtujiet ta’ dan il-qaddis kbir. Din il-parti ntemmet b’messaġġ mis-Superjur Ġenerali, li ħeġġeġ lill-membri u l-kandidati biex jirrikorru lejn San Ġużepp f’din l-okkażjoni speċjali, li din is-sena ġiet fil-ġurnata tal-Erbgħa, il-ġurnata fost il-ġimgħa ddedikat lilu. Huwa ħeġġeġ lill-membri biex jitolbu bl-interċessjoni ta’ San Ġużepp għall-grazzja tal-perseveranza fil-vokazzjoni Museumina u fl-għajxien awtentiku tal-ispiritwalità tagħha. Bl-istess mod, huwa ħeġġeġ lill-kandidati (żgħażagħ li qegħdin fil-formazzjoni) biex jitolbu għall-kuraġġ u l-qawwa biex ma jibżgħux iħaddnu l-vokazzjoni Museumina.
Wara dan, kien hemm mixja mill-Knisja Parrokkjali tal-Manikata sal-qasam tal-Mellieħa, fejn kien hemm ħin għall-ikel u ħin soċjali flimkien. Fil-kappella prinċipali tal-qasam, dawk preżenti talbu r-Rużarju, fejn immeditaw ħames misteri li jiffukaw fuq il-mumenti ewlenin tal-ħajja ta’ San Ġużepp.