Bejn it-22 u s-26 ta’ Ġunju 2026, fiċ-Ċentru tal-Irtiri u l-Formazzjoni Angels’ Hills, f’Tagaytay City, l-Arċidjoċesi ta’ Lipa organizzat l-Assemblea Ġenerali dwar l-Implimentazzjoni tas-Sinodu tal-Isqfijiet. Għaliha kienu mistiedna s-saċerdoti, ir-reliġjużi, lajċi bi rwol ta’ tmexxija, żgħażagħ u edukaturi Kattoliċi fl-Arċidjoċesi.
L-Assemblea tmexxiet mill-Arċisqof Gilbert A. Garcera, li kien preżenti tul il-ġranet kollha u waqt id-diskorsi u l-interventi tiegħu ħeġġeġ lill-parteċipanti biex iħaddnu dejjem aktar il-viżjoni ta’ Knisja tassew sinodali.
Is-Superjur Oliver Aquilina kien preżenti għal din l-Assemblea, laqgħa li offriet ukoll opportunità siewja lis-Soċjetà tal-M.U.S.E.U.M. biex issaħħaħ il-kuntatti tagħha ma’ persuni u istituzzjonijiet impenjati fil-missjoni tal-Knisja madwar l-Arċidjoċesi.
Tul dawn il-ġranet ta’ talb, djalogu, riflessjoni u dixxerniment, il-parteċipanti ġeddew l-impenn komuni tagħhom biex ikomplu jibnu Knisja tassew sinodali, Knisja li taf tisma’ b’attenzjoni, timxi flimkien, u twieġeb b’fedeltà għall-ispirazzjonijiet tal-Ispirtu s-Santu fit-twettiq tal-missjoni evanġelizzatriċi tagħha.


