Fil-11 ta’ Ottubru 2026, sitta u erbgħin membru tal-Grupp San Ġorġ Preca (GSĠP) ħadu sehem f’irtir ta’ ġurnata fiċ-Ċentru għall-Konferenzi Dar il-Ħanin Samaritan, Santa Venera. It-tema tal-irtir kienet Acta non verba (Fatti, mhux kliem).
L-irtir kien ispirat mill-ħajja qaddisa ta’ San Franġisk t’Assisi. Wara t-talb tas-Salmi mil-Liturġija tas-Sigħat, il-parteċipanti segwew filmat dwar il-ħajja tal-qaddis. Imbagħad, il-membru David Dye qasam riflessjoni dwar it-tema magħżula.
L-irtir kompla b’diskussjonijiet fi gruppi dwar diversi ġrajjiet mill-ħajja ta’ San Franġisk u r-rilevanza tagħhom għall-ħajja tal-lum. Wara l-Quddiesa, iċċelebrata minn Patri Daniel Galea, O. Carm., dawk preżenti kielu flimkien. L-irtir intemm bit-talba tar-Rużarju Mqaddes. Il-ħames misteri magħżula kienu wkoll meħuda mill-ħajja ta’ San Franġisk t’Assisi.


