Bejn is-6 u t-13 ta’ Settembru 2024 ġie mfakkar il-115 -il anniversarju mill-ftuħ tal-Qasam f’Ħal Tarxien. Kien fis-6 ta’ Settembru 1909 meta nfetħet l-ewwel dar għat-tagħlim f’Ħal Tarxien mmexxija mill-SDC bi Spiridione Spiteri jkun l-ewwel superjur tal-lokal. Dan l-avveniment ġie mfakkar mat-tfal u l-adolexxenti kollha li jattendu fil-Qasam permezz ta’ filmat awdjo-viżiv li jirrakkonta l-istorja tal-ewwel mitt sena tal-Qasam u anke mal-ħbieb u l-benefatturi tal-MUSEUM permezz ta’ barbeque fil-bitħa tal-Qasam. Waqt din is-serata, l-membru Emanuel Mizzi qasam ftit ħsibijiet fuq il-gratitudni.
Il-qofol tal-attivitajiet intlaħqu permezz ta’ quddiesa fil-Knisja Arċipretali nhar il-Ħadd it-8 ta’ Settembru. Wara l-quddiesa, tqassmet bookmark tal-okkażjoni lil dawk kollha preżenti. Fuq il-bookmark, hemm il-logo magħżul għal din l-okkażjoni ddisinjat minn Luke Debono, mill-grupp tal-5 sena kateketika.
Fil-Qasam intramaw żewġ boards bl-istorja tal-Qasam taħt it-titlu: Mix-Xewqa għar-Realtà. Kienu esebiti wkoll diversi oġġetti marbuta mal-istorja twila ta’ dan il-qasam fosthom il-kazzolla li ntużat fit-tqegħid tal-ewwel ġebla, 75 sena ilu; kif ukoll l-inkwadru tal-Madonna tal-Verbum Dei li kien ġie mogħti lil Dun Ġorġ mill-pittur Rafel Bonnici Cali u li Dun Ġorġ Preca mbagħad għaddieh lill-Qasam ta’ Ħal Tarxien.