GħaI-Laqgħa tal-Erbgħa tal-14 ta’ Mejju 2025, il-membri u l-kandidati tad-Delegazzjoni ta’ Malta ltaqgħu fis-Santwarju ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, Birkirkara għal ċelebrazzjoni fl-anniversarju tal-100 sena mill-kanonizzazjoni ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù (17 ta’ Mejju 1925). It-tema taċ-ċelebrazzjoni kienet It-Triq iż-Żgħir li twassal għall-qdusija.
Matul iċ-ċelebrazzjoni, wara ħarsa ħafifa lejn il-punti ewlenin tal-ħajja ta’ Santa Tereżina, sar diskors fuq kif il-qdusija tikkonsisti filli nagħmlu r-rieda ta’ Alla u li nkunu dak li Alla jridna nkunu. Permezz ta’ mument ta’ talb mill-kitbiet ta’ Santa Tereżina, dawk preżenti talbu għall-grazzja li jintelqu f’idejn is-Sinjur Alla u li jkunu kapaċi jħallu lil Ġesù jkun l-unika imħabba tagħhom.
San Ġorġ Preca fil-ktieb Is-Sinagoga l-Ġdida iħeġġiġna:
Aħwa tiegħi, waħda mill-iqsar toroq għall-qdusija hija bla dubju ta’ xejn it-triq iċ-ċkejkna tat-tfulija spiritwali mgħallma mill-istess Ġesù Kristu fl-Evanġelju. Dan ifisser li tintelqu fi ħdan Alla bħalma tarbija tintelaq f’ħoġor ommha bla ma toqgħod titħasseb fuq xortiha, għax hi tkun fiż-żgur. Warrbu r-rieda tagħkom u ħallu ‘l Alla jagħmel hu. (p. 45)