Madeleine Delbrêl, imwielda fl-1904, għexet ħajjitha kollha batuta f’saħħitha. Bħala żagħżugħa iddikjarat lilha nnifisha bħala ‘strettament atea’, waslet saħansitra biex tiddakjara li ‘Alla hu mejjet … il-mewt tirrenja’ wara esperjenza romantika li kellha u falliet. Imma Alla daħal b’mod qawwi f’ħajjitha ftit taż-żmien wara, u minn dakinhar, hija ddedikata ħajjitha għall-bżonnijiet tal-proxxmu fit-twaqqif tal-Karita’ ta’ Ġesù.
Hija mietet fl-1964, fl-eta’ ta’ 60 sena u l-Papa Franġisku ddikjaraha venerabbli fl-2018. F’dan il-ktieb, The Holiness of Ordinary People (Il-Qdusija ta’ Nies Ordinarji), Madeleine tkompli tisħaq fuq il-verita’ li l-qdusija tista’ tingħex u tintlaħaq minn kulħadd u turi l-ġmiel tal-ħajja ta’ nies ordinarji li jħallu lil Alla jimlihom bl-imħabba straordinarja tiegħu. X’kapaċi jwettaq Alla fil-bniedem u x’kapaċi joħloq il-bniedem bil-qawwa ta’ Alla! Għal dawk li sinċerament jixxenqu biex jgħixu ħajja nisranija b’mod awtentiku, dan il-ktieb żgur li jista’ jkun utli u ta’ ispirazzjoni. Fi kliem Madeleine stess, “aħna in-nies ordinarji tat-triq, nemmnu b’mod qawwi li Alla jridna nkunu proprju fit-toroq u li dawn l-istess toroq huma l-postijiet li fihom nistgħu nitqaddsu”.