Fid-dinja tal-lum, fejn ħafna nies qed jiddubitaw jew saħansitra jitbiegħdu mill-fidi, il-ktieb The God I Don’t Believe In ta’ Juan Arias joffri riflessjoni interessanti u profonda dwar immaġini ta’ Alla li ħafna drabi ma nkunux qed naħsbu fuqhom. L-awtur ma jiktibx kontra Alla, iżda kontra ċerti kunċetti żbaljati ta’ Alla: Alla li jbeżża’, li jikkontrolla, li jżomm lill-bniedem marbut fil-biża’, jew li jintuża biex jiġġustifika l-passivita quddiem il-problemi tal-ħajja. Minflok, Arias jippreżenta Alla li huwa qrib il-bniedem, Alla tal-liberta, tal-imħabba u tat-tama.
Kristu jibqa’ dejjem ġdid! L-awtur jinsisti li Kristu ma jistax jiġi “maqbud” jew spjegat darba għal dejjem, għax dejjem joffri sfidi u perspettivi ġodda lil kull ġenerazzjoni. Dan ifakkarna li għandna nkomplu niskopru l-ġmiel tal-Evanġelju fil-kuntest tal-lum.
Eżempju qawwi li jsemmi Arias huwa dak tal-farfett li ma jiċħadx il-passat tiegħu, iżda jassimilah u jibni fuqu biex itir lejn orizzonti ġodda. Lezzjoni biex filwaqt li napprezzaw it-tradizzjoni li rċevejna, ma nibqgħux mwaħħlin fil-passat.
Tema oħra importanti hija l-attenzjoni lejn il-fqar u dawk li jinsabu fil-periferiji. L-awtur ifakkarna li Kristu jinstab b’mod speċjali fil-laqgħa mal-oħrajn, speċjalment ma’ dawk li qed ibatu jew qed ifittxu t-tifsira tal-ħajja. Din hija stedina biex il-fidi ma tibqax teorija iżda servizz konkret għall-oħrajn.
Ktieb rakkomandat lil kull min jixtieq japprofondixxi l-fidi tiegħu b’mod matur u sinċier. Ktieb li mhux biss iqajjem mistoqsijiet f’min jaqrah iżda jgħin biex wieħed jersaq aktar lejn dak Alla li tassew jixraq li nemmnu fih.
Gabriel Borg
Kandidat

