Wara l-pubblikazzjoni tal-ktieb Il-Papiet Kbar ta’ Żmienna fuq l-aħħar seba’ Papiet, issa l-istess awtur Robert Aloisio ippubblika il-ktieb Konklavi, li jagħti ħarsa lejn l-aħħar seba’ konklavi li kellha l-Knisja Kattolika fi kważi tmenin sena ta’ storja. L-iskop tal-ktieb huwa wkoll li jwieġeb ukoll għal xi mistoqsijiet marbuta mal-Konklavi, anke minħabba s-segretezza, is-simboli u s-sens ta’ misteru marbuta ma’ dan l-avveniment, bl-iskop li jneħħi xi ftit mill-miti u l-ideat żbaljati li wieħed jista’ jkollu.
Il-konklavi huwa l-proċess li bih il-Kulleġġ tal-Kardinali tal-Knisja Kattolika jeleġġi Papa ġdid wara l-mewt jew ir-riżenja ta’ Papa. Huwa wieħed mill-eqdem u mill-aktar proċessi elettorali solenni li għadu jitħaddem sal-lum. Hija ġrajja ta’ importanza kbira mhux biss għall-Knisja Kattolika imma għad-dinja kollha. Minkejja li mis-seklu dsatax ’l hawn il-Knisja tilfet ħafna mill-poter politiku li kellha iżda l-gwida morali tagħha għadha tispira lil bosta. U dan minkejja d-diversi skandli li heżżewha tul is-snin. Il-Papa għadu figura rilevanti fid-dinja tal-lum.
Il-ktieb, bil-Malti, jinkludi glossarju estensiv ta’ termini assoċjati mal-konklavi u mal-Papat. Fih wieħed isib ukoll tagħrif dwar it-tliet Kardinali Maltin li kellha l-Knisja fl-istorja tagħha u wkoll fuq kif San Ġorġ Preca kien iħares lejn il-figura tal-Papa.
Il-qligħ kollu tal-ktieb se jmur b’riżq il-Kċina ta’ Marta inizjattiva tal-Knisja biex tgħin lil persuni li bħalissa għaddejjin minn żmien diffiċli. Il-Kċina ta’ Marta hi inizjattiva mmexxija minn LOOP Djakonija Parroċċi bl-għajnuna ta’ The Alfred Mizzi Foundation.
Il-ktieb jinsab għall-bejgħ minn Librerija Preca jew minn fuq is-sit sayitmalta.com.