Healing Agony huwa kitba ta’ Stephen Cherry, qassis Anglikan li serva bħala d-Dekan ta’ King’s College f’Cambridge.
Dan il-ktieb jittratta l-maħfra u n-natura kumplessa tagħha, u tani perspettivi ġodda fuq il-maħfra. Qabel ma qrajtu, il-kelma “maħfra” kienet tilfet parti mit-tifsira sħiħa tagħha għalija; tant nisimgħuha u nużawha li ninsew il-kobor tagħha. It-titlu Healing Agony jirreferi għal dan: il-maħfra qatt m’hija faċli jew ta’ malajr. Il-maħfra hija agunija li twassal għall-fejqan. Tul il-ktieb, Cherry juża stejjer reali biex juri kemm hija varjata u kumplessa.
Il-maħfra hija vjaġġ, b’tul u destinazzjoni indefinita. Kull esperjenza hija unika, għax hija profonda u personali, għalhekk kulħadd jgħixha b’mod differenti. Fil-Kristjaneżmu, il-maħfra hija ċentrali fit-Testment il-Ġdid u fit-talba tal-Missierna: “aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.” Hawnhekk hemm bżonn distinzjoni bejn il-maħfra ta’ Alla u dik ta’ bejn il-bnedmin: il-bniedem ma jistax jaħfer bl-istess mod kif jaħfer Alla, għaliex il-bniedem ibati biex jaħfer u jeħtieġ iż-żmien biexjaħfer. Minn din id-distinzjoni tista’ toħroġ l-idea tal-“familja tal-maħfra”: il-maħfra divina, dik ta’ Alla, il-maħfra ta’ bejn il-bnedmin, u l-maħfra interjuri (self-forgiveness).
Meta nitkellmu fuq il-maħfra ta’ bejn il-bnedmin, din tibda meta bniedem iweġġa’ lil ieħor. Dan l-uġigħ għandu livelli differenti ta’ gravità u jista’ jkun fiżiku, emozzjonali jew mentali; xi drabi jasal biex ikisser lill-persuna. Cherry jikklassifikah f’erba’ livelli: trivjali, serju, sinifikanti u dak li jfarrak (shattering). Il-kelma “maħfra” tintuża f’dawn is-sitwazzjonijiet kollha, minn ħabta żgħira fuq il-bankina sa telfa kbira bħall-qtil ta’ persuna qrib tiegħek. Iżda mhux kull sitwazzjoni titlob l-istess rispons: f’każijiet trivjali, fejn ma jkun hemm ebda intenzjoni ta’ ħsara, il-kelma “tolleranza” tkun aktar xierqa minn “maħfra”, u dan għaliex id-diffikultà tal-maħfra dejjem tvarja skont il-livell ta’ wġigħ li jkun imġarrab.
Fi żminijiet ta’ wġigħ, speċjalment meta jkun hemm tradiment jew ksur ta’ fiduċja, il-bniedem faċli jħossu konfuż. Jaf li għandu jaħfer imma ma jasalx; iħossu mitluf u kultant jitlef is-sens tal-identità tiegħu. Għalhekk, il-maħfra mhijiex biss kwistjoni ta’ rieda, imma proċess ħafna aktar kumpless u profond.
Healing Agony mhuwiex ktieb li jagħtik tweġibiet sempliċi, iżda wieħed li jesplora l-maħfra kif inhi fil-verità, bil-kumplessità u l-profondità kollha tagħha. Iqanqlek biex taħseb mill-ġdid dwar il-maħfra, xi ħaġa li ħafna drabi naħsbu li nifhmu sew. Dan l-artiklu huwa biss togħma żgħira ta’ dan il-ktieb, u nirrakkomandah lil kull min jixtieq jiskopri l-maħfra minn perspettivi ġodda u differenti.
Kian Borg
Kandidat

