Come be my Light hu ktieb li jirrivolvi fuq il-ħajja u l-vokazzjoni tal-qaddisa ta’ żminijietna, Santa Teresa, iktar magħrufa bħala Madre Teresa ta’ Kalkutta. Dan il-ktieb jinkludi ġrajjiet diversi tul il-vjaġġ tagħha. Temi komuni f’dawn kollha huma s-sempliċita’ u l-imħabba lejn Alla.
Il-protagonist fi kliem Santa Teresa huwa Alla. Infatti l-ktieb jibda b’din il-kwotazzjoni:
“Put your hand in His hand, and walk alone with Him. Walk ahead, because if you look back you will go back.”
Ikollna nirriflettu fuq dan il-kliem, nirrealizzaw li din il-qaddisa instigat li l-veru suċċess f’ħajjitna huwa li nersqu dejjem viċin Ġesù u lkoll insiru nixbħuh.
Meta niddiskutu fuq il-ħajjiet ta’ qaddisin diversi, l-iktar kunċett importanti għandu jkun is-sens ta’ inspirazzjoni għalina u kif ħajjithom għandha isservi ta’ gwida għalina.
Fiex aħjar nimitaw il-qaddisin ħlief fil-valuri li kienu jħaddnu? Il-ktieb Come be my Light huwa ikkulurit bil-valuri sodi li Santa Teresa ħaddnet f’ħajjitha, tgħin lill-“Ifqar fost il-fqar” u permezz ta’ hekk twettaq ir-rieda t’Alla għaliha. Il-frażi “Ifqar fost il-fqar” hija sinonima ma’ Santa Teresa u għalhekk tissemma b’mod kontinwu b’ċerta enfasi tul il-ktieb.
Nelabora fuq din tal-aħħar parti, Santa Teresa f’ittra lil missjunarji, tikteb li x-xogħol fid-dinja għall-glorja t’Alla u għall-ġid tal-foqra m’huwa xejn ħlief miraklu ħaj tal-imħabba ta’ Alla, li jesebixxi ruħu permezz tal-azzjonijiet tagħhom. Fuq dan hi kompliet tenfassizza fuq is-sempliċita’, biex fis-sempliċita’ huma l-missjunarji jkunu l-idejn t’Alla. Meta taħseb fuqha, hija sabiħa mmens li meta tgħin lil ħaddieħor ikun Alla qed jaħdem permezz tagħna.
Come be my Light huwa ktieb tant vast li huwa impossibli li tagħmel riċensjoni tiegħu b’ċertu dettall. Għaldaqstant jien nirrakomandah, hekk kif ninsab ċert li wara li jinqara kollu joffri perspettiva ġdida, speċjalment lejn dawk l-iktar fil-bżonn!